Ilsienna

    Season 3 2020 - 2021
    TV-G

    • 2020-09-28T16:30:00Z on TVM
    • 25m
    • 15h 25m (37 episodes)
    • Malta
    • Documentary
    Ilsienna features a series of short documentaries about the use of the Maltese language in various sectors, including professional contexts as well as entertainment platforms. It highlights the rich nature of the language and the range of ways in which it is employed for work as well as creative purposes. These documentaries are also a useful resource for teachers of Maltese.

    37 episodes

    Se nlaqqgħukom mal-awtriċi Leanne Ellul, li se tkellimna dwar ir-rumanz Gramma. Il-bijografu Sergio Grech se jaqsam magħna xi ħsibijiet dwar il-ġeneru tal-bijografiji. Anabelle Warrington hija awtriċi żagħżugħa li tikteb għat-tfal. Se taqsam magħna xi ħsibijiet dwar is-sengħa tal-kitba għaż-żgħar. Thea Farrugia tgħidx kemm hi minn tagħna, u tgħidx kemm tħobb tiċċajta! Infatti, Thea rriċerkat iċ-ċajt bil-Malti. Ħabbiet, soldi, irbiegħi ... ċenteżmi, liri, ewro – Dawn huma wħud mill-kelmiet li nitfgħu lenti fuqhom f'dan l-episodju.

    Se nlaqqgħukom mal-librar Noel Tanti, li se jkellimna dwar l-irwol tal-libreriji tal-iskejjel fit-tagħlim tal-Malti. Il-kantawtur Vince Fabri se kellimna dwar 'Aħn'aħna jew m'aħniex,' programm li introduċa ġeneru ġdid fit-televiżjoni bi lsienna: Is-satira! Se jkollna mistiedna speċjali – lil Ann Marie Schembri, l-ewwel presidenta tal-Akkademja tal-Malti. Fost l-oħrajn, Ann Marie se tkellimna dwar kif l-Akkademja se tiċċelebra l-100 sena tagħha. Fir-rokna dwar il-letteratura se nagħtu ħarsa lejn kittieba u testi li jlaqqgħu flimkien l-arkeoloġija u l-kitba kreattiva, b'kummenti mill-arkeologa MariaElena Zammit u l-għalliem Kit Azzopardi. Se nlaqqgħukom ukoll ma' Guzi Gatt, folklorista li se jkellimna dwar is-sengħa tal-ħobż.

    Se niltaqgħu ma' Maria Schembri, għalliema tal-Malti li rriċerkat l-ismijiet tal-ħxejjex. Il-poeta Adrian Grima se jingħaqad magħna sabiex ikellimna dwar il-limerikki, u jaqralna xi tnejn ukoll! Se niltaqgħu ma' Matthew Stroud sabiex insiru nafu aktar dwar l-illustrazzjoni ta' kotba bil-Malti għall-qarrejja ż-żgħar. Doris Schembri hija edukatriċi li se tkellimna dwar riżorsa li ħolqot għall-istudenti: ktieb intitolat 'Ċensinu u Van Gogh.' L-aħħar mistieden huwa David Aloisio, lekċerer u riċerkatur tal-Malti, li se jkellimna dwar il-kanonu letterarju u l-istorja tiegħu.

    Se nagħtu ħarsa lejn il-kitba kreattiva fil-prattika. Lara Stagno u Ann Marie Camilleri, żewġ riċerkaturi żgħażagħ, se jkellmuna dwar l-analiżi tagħhom ta' diskorsi politiċi importanti. Mary Anne Zammit hija mużiċista u edukatriċi li tikteb kanzunetti għat-tfal. Se nlaqqgħukom magħha sabiex insiru nafu aktar dwar is-sengħa tal-kitba tal-lirika għaż-żgħar. Se nlaqqgħukom ukoll ma' Jolene Spiteri Colombo, riċerkatriċi żagħżugħa li se tkellimna dwar il-maġija fil-ħrejjef ta' niesna. L-aħħar mistieden huwa Joe Friggieri; lil Joe se nitkellmu miegħu dwar il-kitba tal-poeżija u tal-proża.

    Se niltaqgħu ma' Dr Olvin Vella, li se jispjegalna għala niktbu l-għajn u l-akka. Fi lsienna għandna bosta qwiel marbuta mal-annimali. Claudia Gauci hija poetessa u se tkellimna dwar il-kitbiet tagħha, inkluż xogħol ġdid li qed tħejji għall-pubblikazzjoni. Se niltaqgħu wkoll ma' Damian Ebejer u Marco Galea, li se jgħaddulna tagħrif interessanti dwar Menz, wieħed mid-drammi ta' Francis Ebejer. Thomas Pace se jkellimna dwar proġett ta' kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti; f'dan il-proġett, il-Kunsill ħadem ma' Edward Gilson fuq il-pubblikazzjoni ta' kotba tal-ġografija bi lsienna.

    It-tim tagħna ltaqa' ma' Kym sabiex isir aktar dwarha u dwar il-mużika tagħha. Min huma l-ambaxxaturi tal-qari? U x'inhu l-irwol tagħhom fil-promozzjoni ta' kultura ta' qari? It-tim tagħna ltaqa' ma' Daniel Cini sabiex insiru nafu aktar dwar din l-inizjattiva. Is-sengħa tal-bizzilla hija sinonima ma' pajjiżna; se niltaqgħu m'Annamaria Gatt sabiex nitkixxfu aktar dwar il-vokabolarju marbut ma' din is-sengħa. Simone Inguanez hija poetessa u traduttriċi; niltaqgħu magħha sabiex nitkixxfu aktar dwar is-sengħa tal-kitba tal-poeżija. X'nafu dwar il-Kwistjoni tal-Lingwa? It-tim tagħna ltaqa' mal-Prof. Arnold Cassola sabiex jitgħallem dwar il-kuntest storiku li fih seħħet din il-kwistjoni.

    Se nsiru nafu lil Roberta Bajada aktar mill-qrib. Roberta hija awtriċi ta' tliet kotba għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Dorienne Catania hija l-awtriċi ta' ktieb ħelu għat-tfal dwar arloġġ u l-ħajja tiegħu ta' kuljum. It-tim tagħna ltaqa' ma' Adrian Grima sabiex jitkixxef dwar Concetta Brincat, l-ewwel rumanziera Maltija li nafu biha. Min minna qatt ma sema' b'Kelma Kelma!? It-tim tagħna ltaqa' mal-fundatur u l-moħħ wara din il-paġna, u s-siti, kunċerti, u programmi relatati. Insellmu lir-riċerkaturi Ġorġ u Marlene Mifsud-Chircop, koppja li ħadmet qatigħ għal ilsienna.

    Stephanie Bugeja u Leanne Ellul huma l-koawturi ta' ktieb ħelu dwar tifel, sieħbu skojjattlu, u l-ADHD. Nerġgħu nlaqqgħukom mal-Prof. Arnold Cassola; din id-darba, Arnold se jkellimna dwar ir-Regole per la Lingua Maltese, dizzjunarju u ġabra ta' regoli grammatikali antiki. Audrey Friggieri hi kittieba oħra li se nlaqqgħukom magħha; f'din ir-rokna, Audrey se tkellimna dwar il-kitba għat-tfal. Niltaqgħu wkoll ma' Martin Morana, l-awtur ta' tliet kotba dwar espressjonijiet Maltin u l-istorja tagħhom. L-aħħar mistieden huwa r-riċerkatur Sergio Grech, li se jagħtina tagħrif dwar laqmijiet Qrendin.

    Din is-sena qed niddedikaw xi rokniet lis-sengħa tal-kitba kreattiva ... fir-rokna li jmiss se nħarsu lejn tonijiet differenti u t-tħaddim tajjeb tat-ton bħala mezzi li bihom nagħtu l-ħajja lil kitbietna. Se nlaqqgħukom ukoll ma' Stephen Lughermo, awtur li jikteb għal firxa wiesgħa ta' etajiet. Fl-ewwel rokna li se nxandru miegħu, Stephen jitkellem dwar 'Toni tat-Tritoni,' ktieb ħelu ħelu għall-etajiet iż-żgħar. Keith Demicoli se jingħaqad magħna sabiex jiddiskuti xi aspetti ta' xogħlu relatati mal-lingwa nazzjonali tagħna. Ir-riċerkatriċi żagħżugħa Rebecca Vella ltaqgħet magħna sabiex tgħaddilna tagħrif interessantissimu dwar it-taqbil tat-tfal. Il-poeta Karmenu Vassallo huwa l-aħħar suġġett li qed inħabbru. Il-Prof. Bernard Micallef se jaqsam xi ħsibijiet dwar Vassallo, filwaqt li Noel Tanti se jaqralna xi poeżiji minn tiegħu.

    Insellmu l-memorja tal-Prof. Oliver Friggieri b'siltiet mill-intervisti li għamilnielu. Nerġgħu niltaqgħu ma' Michael Spagnol, din id-darba sabiex niddiskutu n-neoloġiżmi Maltin, jiġifieri kliem ġdid fi lsienna. Damian Ebejer se jagħtina tagħrif ġdid dwar missieru Francis Ebejer u l-kollezzjoni ta' manuskritti li ħalla warajh. Niltaqgħu wkoll ma' Mariella Cassar, li kellmitna dwar pubblikazzjoni ħelwa miktuba minn studenti ta' kulleġġi differenti – Il-Vjaġġ tal-Unikornu. Fl-aħħar rokna tagħna se niltaqgħu ma' Francesco Sultana, li se jgħaddilna tagħrif interessanti dwar l-istrumenti tradizzjonali tan-nifs u r-reġistru marbut magħhom.

    Se nerġgħu nlaqqgħukom ma' Joe Friggieri, din id-darba sabiex jitkellem magħna dwar id-drammi tiegħu. In-Nutar Dr Mariella Mizzi Attard se tkellimna dwar il-Malti legali u l-għeruq Taljani tiegħu. Jesmond Sharples se jitkellem dwar il-Malti mediku mill-esperjenza vasta tiegħu bħala infermier. Fir-rokna dwar l-edukazzjoni se nlaqqgħukom ma' Anna Vassallo, il-moħħ wara l-app 'Koċċ kliem.' L-aħħar mistiedna tagħna hija Justine Somerville, li se tkellimna dwar in-narrattiva ta' Pierre J Mejlak.

    Se nlaqqgħukom ma' kantawtur ġdid – Michael Azzopardi. Se nlaqqgħukom ma' tnejn mill-qarrejja tal-provi tal-Malti, Daniela Attard Bezzina u Dwayne Ellul, li se jkellmuna dwar is-sengħa tal-korrezzjonijiet tal-provi. Se niltaqgħu wkoll ma' Clifford Debattista li se jkellimna dwar is-sengħa tal-mastrudaxxa u r-riċerka li għamel fuq ir-reġistru użat f'dan il-mestier. Clare Azzopardi, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti tal-JC, u l-lekċerer Leanne Ellul se jkellmuna dwar is-sillabu ta' lsienna fil-livelli intermedju u avvanzat. Fir-rokna dwar il-letteratura, Kit Azzopardi se jitkellem dwar il-poeżija Passaport ta' Antoine Cassar.

    Se nlaqqgħukom ma' Kelly u Joan Sciberras, li se jkellmuna dwar il-programm Aqra Miegħi / Read with Me tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Issa li ninsabu daqstant qrib il-ġurnata tal-Milied, se nagħtu ħarsa lejn l-għanjiet li nkantaw f'dan iż-żmien, grazzi lil Francesca Attard. Paul Ellul huwa poeta li bosta minn kitbietu tkantaw minn artisti bħal Ira Losco, Christabelle Borg, u Glen Vella; Paul se jiftħilna tieqa għal fuq il-proċess tal-kitba tal-lirika. Bertram Portelli huwa awtur żagħżugħ magħruf l-aktar għal kitba tan-narrattiva, u se niltaqgħu miegħu fir-rokna tal-letteretura. L-aħħar mistieden huwa Dr Olvin Vella, li se jkellimna dwar id-Damma ta' Francesco Agius de Soldanis.

    Se nerġgħu nlaqqgħukom mal-arkeologa Maria Elena Zammit, li se tkellimna dwar it-tradizzjoni orali – bħal ħrejjef u għajdut ieħor – marbut mat-tempji. Se nlaqqgħukom ukoll ma' Carmel Bezzina, riċerkatur li se jagħtina tagħrif dwar il-ħajja ta' Mons. Pietru Pawl Saydon, traduttur ewlieni tal-Bibbja. Għal darb'oħra se nerġgħu niffukaw fuq il-kitba kreattiva fir-rokna dwar il-kreattività, din id-darba b'ħarsa lejn il-metrika. Adrian Grima se jixħet aktar dawl fuq ir-rumanz 'Ulied in-nanna Venut fl-Amerka' ta' Juann Mamo. Anna Vassallo se terġa' tingħaqad magħna sabiex tagħtina tagħrif ġdid dwar app li tgħallem il-Malti lit-tfal - Sitt Stejjer.

    Dwayne Ellul se jkellimna dwar it-teżawri bi lsienna. Waħda mir-rokniet li ħejjejnielkom għall-ġimgħa d-dieħla hija bi qwiel dwar ix-xitwa. Anna Vassallo se terġa' tiltaqa' magħna, din id-darba sabiex titkellem dwar l-app 'Mill-A saz-Z.' Ir-Rediffusion kellu rwol importanti fl-istandardizzazzjoni tal-Malti u fil-bidu ta' tradizzjoni ġdida ta' xandir bi lsienna; Toni Sant jagħtina tagħrif dettaljat dwar l-importanza tar-Rediffusion għal-lingwa Maltija. Se nlaqqgħukom ukoll ma' Marita Cassar, riċerkatriċi li se tgħaddilna informazzjoni interessanti dwar Dun Karm Psaila bħala traduttur tal-proża.

    Se niltaqgħu ma' qwiel u idjomi marbuta mal-ġisem. Se nlaqqgħukom ukoll ma' Bridget Micallef, persuna nieqsa mid-dawl li se tkellimna dwar il-Braille bi lsienna. Jomike Agius u Lydon se jkellmuna (u jgħannulna) dwar l-għana Malti u t-tipi differenti tiegħu. Se niskopru format ieħor tal-kotba flimkien mal-pubblikatur Chris Gruppetta: Dak tal-kotba diġitali. L-aħħar mistieden huwa Carmel G. Cauchi, awtur magħruf sew mat-tfal u mal-ġenerazzjonijiet kbar li kienu midħla ta' kitbietu - se jaqralna poeżija mill-pubblikazzjoni 'Lellux u Peprin.'

    Se nitkixxfu aktar dwar l-iżvilupp tal-lingwa fit-tfal, grazzi lil Tania Mangion. Maribel Bajada se tagħtina ħjiel tal-lingwaġġ tal-ħaddieda, sengħa antika u daqstant ieħor rikka fil-kliem. Paul George Pisani, bin il-poeta Ġorġ Pisani, sa jagħtina tagħrif interessanti dwar missieru. Se nerġgħu nlaqqgħukom ma' Marita Cassar, li se tagħtina tagħrif dwar il-kitbiet prożajċi ta' Dun Karm Psaila. Is-sena l-oħra tkellimna ma' Toni Sant dwar il-wikipedija bil-Malti; se niltaqgħu ma' żewġ kontributuri oħra – Neville Borg u Angie Balzan – dwar dan il-proġett.

    Se niltaqgħu ma' Albert Marshall fl-irwol ta' direttur, billi se jkellimna dwar il-produzzjoni 'Il-Madonna taċ-Ċoqqa.' Se nlaqqgħukom ukoll ma' Anna Vassallo, edukatriċi li se tkellimna dwar l-app 'Ninqeda bil-Malti.' L-infermiera u riċerkatriċi Janice Caruana se tkellimna dwar is-sengħa tal-majjistra, magħrufa wkoll bħala qabla, u dwar it-terminoloġija marbuta ma' dan ix-xogħol. Immanuel Mifsud se jingħaqad magħna sabiex ikellimna dwar il-poeżiji ta' Lillian Sciberras, magħrufa wkoll għall-proża tagħha u għall-ħidma fl-arkivjar. L-aħħar mistieden huwa Thomas Pace, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. F'din ir-rokna, Thomas jitkellem magħna dwar il-ħtieġa tal-bilingwiżmu fil-pubbliku.

    Fost il-mistiedna se jkollna lil Arnold Cassola u lil Mark Vella, żewġ riċerkaturi li se jkellmuna dwar il-gazzetti tal-bidu u l-irwol tagħhom fl-iżvilupp tal-idjoma politika u letterarja. Billi San Valentinu qiegħed joqrob ġmielu, se nwasslulkom tagħrif dwar in-namur u l-għerusija fl-imgħoddi tagħna, grazzi lil Yanika Schembri Fava. Se nlaqqgħukom ukoll ma' Carlston Grima, uffiċjal edukattiv tal-Malti li se jkellimna dwar is-sillabu l-ġdid tal-Malti. Wayne Farrugia se jkellimna dwar il-kitba tal-lirika. Fost l-oħrajn, Wayne kiteb għal Bernie and Pod u X-Tend. L-aħħar mistieden huwa John Buttigieg, bin Anton Buttigieg; John se jaqsam magħna xi ħsibijiet dwar missieru bħala kittieb.

    Se jkollna t-tieni rokna ma' Audrey Friggieri; din id-darba, Audrey se tkellimna dwar il-kitbiet tagħha għall-kbar. Billi Jum San Valentinu huwa fil-qrib, qed nagħtu ħarsa lill-qalb fl-idjoma Maltija. Id-direttur Lino Farrugia se jkellimna dwar l-ewwel darba li ttella' F'Baħar Wieħed, dramm li żamm lill-Maltin fi djarhom ġimgħa wara l-oħra. Se nerġgħu nlaqqgħukom ma' Carlston Grima, din id-darba sabiex ikellimna dwar l-antoloġija l-ġdida bis-siltiet letterarji għaċ-ĊES. L-aħħar mistieden huwa Dwayne Ellul, riċerkatur li se jkellimna dwar l-enċiklopediji bil-Malti.

    Se jkollna rokna dwar il-kitba kreattiva u l-elementi akustiċi ta' test. Se nlaqqgħukom mal-awtriċi żagħżugħa Svetlene Marie Fenech, li kellmitna dwar il-ktieb 'Goru l-Granċ'. Alex Vella Gregory huwa l-awtur tal-qarċilla għat-tieni sena konsekuttiva. F'din ir-rokna huwa jagħtina dewqa tal-istorja tal-qarċilla u kif żviluppat matul is-snin. Jennifer Abela se tkellimna dwar Kilin, awtur maħbub minn bosta. L-aħħar mistieden huwa Olvin Vella, li se jkellimna dwar in-nisel Għarbi ta' lsienna.

    Se nlaqqgħukom ma' Conrad Fenech, riċerkatur li se jkellimna dwar Dun Feliċ Demarco, wieħed mill-kittieba ewlenin tal-qarċilla. Se nlaqqgħukom ukoll mal-istoriku Frans Ciappara, li se jwasslilna tagħrif dwar Mikiel Anton Vassalli. Il-Prof. Adrian Grima u Dr Immanuel Mifsud se jaqsmu magħna xi ħsibijiet dwar Rużar Briffa, tabib, fundatur tal-Għaqda tal-Malti u Leħen il-Malti, u – fuq kollox – poeta maħbub. Skald hija band li tipproduċi mużika bil-Malti; se nlaqqgħukom ma' Bertu Aquilina, wieħed mill-membri ta' din il-band. Angele Haber hija l-aħħar mistiedna li għandna; Angele se tkellimna dwar pubblikazzjoni għat-tfal bit-titlu 'Ninħasel biex inkun nadif.'

    Se niltaqgħu ma' Nicolette Borg, awtriċi ta' ktieb għat-tfal, bit-titlu 'Mamà, mamà, għandi l-ġuħ'. Huwa faċli daqs l-ABĊ li tużaw l-ittri Maltin fuq il-kompjuters jew il-mowbajls tagħkom. Norbert Bugeja se jaqsam magħna xi riflessjonijiet dwar il-kitba tal-poeżija; fl-istess rokna se jkollna xi kummenti ta' Kit Azzopardi dwar il-kitbiet ta' Norbert stess. Ir-rokna dwar il-kreattività u l-Malti se tlaqqagħna ma' Alan Fenech, li se jkellimna dwar l-Iskola tad-Drama u l-irwol tagħha fit-trawwim ta' atturi li jaħdmu bl-ilsien nattiv. Se nisimgħu lil Sandro Lanfranco jitkellem dwar Guido Lanfranco, missieru, u dwar il-kontribut kbir li ta lill-ilsien Malti, speċjalment f'oqsma differenti tat-tradizzjoni orali.

    Se jkollna rokna oħra dwar il-kitba kreattiva, din id-darba b'ħarsa lejn it-tekniki figurattivi. Joe Camilleri se jkellimna dwar il-kontribut ta' Ninu Cremona lejn il-lingwa u l-letteratura ta' pajjiżna. Mark-Anthony Falzon se jaqsam magħna xi ħsibijiet dwar kliem marbut mal-għasafar, speċjalment b'rabta mat-tismija tagħhom. Is-sena l-oħra ħarisna lejn l-istorja twila tas-Sagħtar; din is-sena se nħarsu lejn il-preżent u l-futur ta' din ir-rivista, flimkien mal-Editur Chris Giordano. Elena Cardona tiddiskuti l-użu intelliġenti tal-Malti u l-Ingliż fir-rumanz 'Is-Sriep Reġgħu Saru Valenużi' sabiex juri strati differenti tas-soċjetà.

    Se nerġgħu niltaqgħu ma' Jesmond Sharples, din id-darba sabiex jaqsam magħna r-riċerka tiegħu dwar Mary Caruana u Ondina Tayar, żewġ kittieba bikrin tal-Malti. Simone Inguanez hija awtriċi li se tkellimna dwar it-traduzzjoni, kemm bħala traduttriċi kif ukoll bħala poetessa li ġiet tradotta għal ilsna oħra! Joseph Mizzi ltaqa' magħna sabiex jgħaddilna xi punti dwar l-aħħar ktieb tal-papà tiegħu, Pawlu Mizzi. Fl-aħħar ktieb ta' Pawlu nsibu bosta tifkiriet dwar karattri Għawdxin miktuba b'laqta Għawdxija. Mistiedna oħra hija l-awtriċi Natasha Turner, li tikteb qatigħ għat-tfal. F'dan l-episodju se tkellimna dwar il-ktieb 'Nita, Nikita u Vjolita.' Għada se nwasslulkom rokna oħra dwar ix-xogħlijiet ta' Francis Ebejer, din id-darba dwar id-dramm 'Karnival.' Għal din l-intervista tkellimna ma' Marco Galea.

    Normalment, l-iskultura ma nassoċjawhiex ma' lsienna; biss, l-artist Austin Camilleri sfida din l-idea b'serje ta' installazzjonijiet imnebbħa mil-lingwa Maltija, speċjalment mill-poeżija. Se nlaqqgħukom ma' Ġużi Gatt, l-editur ta' 'L-Imnara,' ir-rivista tal-Għaqda Maltija tal-Folklor. Fit-tieni rokna ma' Angele Haber se nagħtu ħarsa lejn il-pubblikazzjoni 'Tlaqna u Wasalna,' ktieb ħelu għall-qarrejja ż-żgħar. Se nlaqqgħukom mill-ġdid mal-kritiku Immanuel Mifsud, din id-darba sabiex infakkru lill-poetessa Doreen Micallef. L-aħħar mistiedna hija Yana Psaila, li mhux talli tgħallmet il-Malti imma qed tippubblika l-kotba sabiex tgħallem ilsienna lill-kelliema tar-Russu.

    Olvin Vella se jeħodna lura fiż-żmien b'seklu (u aktar!) sabiex iwasslilna tagħrif dwar l-oriġini tal-alfabett Malti u dwar alfabetti oħra li kienu qed jikkompetu miegħu. Se nlaqqgħukom ma' Joanne Mifsud, li se tkellimna dwar il-kisba tat-taħdit fis-snin bikrin. Josette Bezzina hija esperta oħra li se tkellimna dwar it-taħdit fis-snin bikrin. Se nfakkru lil Oliver Friggieri permezz ta' rokna li fiha Bernard Micallef jikkummenta dwar il-poeżiji tiegħu. Se tinqara wkoll poeżija ta' Friggieri minn Noel Tanti. Michael Spagnol, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, se jkellimna dwar is-sit Malti.mt, li fih ħażna ta' riżorsi fosthom uħud marbuta mat-Tradizzjoni Orali u d-Diploma fil-Letteratura Maltija. L-aħħar kelliem li qed nintroduċulkom huwa Noel D'Amato, li se jkellimna dwar kliem Malti marbut mad-drawwiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

    2021-04-05T16:30:00Z

    3x28 Ep 28

    3x28 Ep 28

    • 2021-04-05T16:30:00Z25m

    Se nlaqqgħukom ma' wieħed mill-awturi l-aktar maħbuba ta' pajjiżna – Trevor Zahra. Din id-darba, Żahra se jkellimna dwar il-kitba tal-poeżija, l-illustrazzjoni, u l-animazzjoni. Se nerġgħu nlaqqgħukom ma' Noel D'Amato, din id-darba sabiex jgħaddilna tagħrif relatat ma' kliem li nużaw fi żmien l-Għid il-Kbir. Se niltaqgħu wkoll ma' Bernard Micallef, Leanne Ellul, u Michael Spagnol. Bernard se jkellimna dwar il-kritika letterarja, Leanne dwar il-kitba tal-poeżija, u Michael dwar l-element Ingliż fil-Malti.

    Se nwasslulkom rokna oħra mill-isbaħ minn idejn l-edituri tagħna, din id-darba dwar il-kitba kreattiva u r-repetizzjoni. Kurt Slattery huwa riċerkatur żagħżugħ li fost l-oħrajn stħarreġ il-makkjetta, ġeneru ta' għana bil-Malti. Se nlaqqgħukom mill-ġdid ma' Natasha Turner, li se tkellimna dwar ktieb ieħor li ħarġet f'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu: 'Smartinu u d-DSTI'. Fir-rokna tal-letteratura, se nagħtu ħarsa lill-poeżiji ta' Albert Marshall, b'intervista lill-poeta nnifsu. Se nħarsu lejn it-traduzzjoni tal-Bibbja; Carmel Bezzina, il-mistieden tagħna, se jagħtina kemm l-isfond storiku, kif ukoll kummenti ta' natura lingwistika dwar ix-xogħol monumentali tal-Mons. Pietru Pawl Saydon.

    2021-04-19T16:30:00Z

    3x30 Ep 30

    3x30 Ep 30

    • 2021-04-19T16:30:00Z25m

    Se nlaqqgħukom ma' Dr Lara Vella mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Lara se tkellimna dwar il-bilingwiżmu fis-snin bikrin. Se nerġgħu niltaqgħu ma' Sergio Grech, din id-darba sabiex ikellimna dwar il-kitba tal-istorja bi lsienna. Mark Vella se jkellimna dwar ir-rivista 'l-aċċent', rivista maħruġa mit-tradutturi tal-Unjoni Ewropea. Ġorġ Agius, magħruf ukoll bħala Ġorġ tal-Mużew jew l-Għannej tal-Mulej, kien magħruf u maħbub minn bosta; se nfakkru t-taqbiliet ta' Ġorġ, grazzi lil Tonio Bonello. Adrian Grima u Joseph Mizzi se jkellmuna dwar 'Il-Gaġġa' ta' Frans Sammut, u dwar ir-rabta storika tiegħu mal-Klabb Kotba Maltin.

    Xi rwol kellu t-televixin fl-istandardizzazzjoni tal-Malti? Se nlaqqgħukom ma' Dr Toni Sant sabiex nistħarrġu aħjar is-sehem tax-xandir fl-iżvilupp tal-Malti. Clare Azzopardi u Leanne Ellul huma żewġ kittieba tat-textbooks bil-Malti; se jaqsmu magħna xi ħsibijiet dwar il-kitba ta' dan il-ġeneru ta' kotba. L-aħbar li Lara Calleja hija waħda mill-kittieba nominati għall-European Union Prize for Literature ma setgħetx ġiet fi żmien aħjar, għax se nkunu qed nintervistawha. Se nlaqqgħukom ukoll mar-riċerkatriċi żagħżugħa Diane Cutajar, li se tkellimna dwar il-varjazzjonijiet lessikali f'erba' lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. L-aħħar mistieden huwa Ivan Said; Ivan se jgħaddilna tagħrif dwar Mikiel Anton Vassalli bħala traduttur.

    Għal Jum l-Omm ħejjejnielkom rokna speċjali bi qwiel u idjomi marbuta mal-omm. Se niltaqgħu wkoll ma' Michael Spagnol, li se jkellimna dwar ġeneru ta' logħob bil-kliem magħruf bħala rebus. Trevor Zahra huwa awtur ieħor li se niltaqgħu miegħu; din id-darba, Żahra se jkellimna dwar pubblikazzjoni ġdida li tgħaqqad ir-realtà fiżika ma' dik miżjuda (awmentata). Se nlaqqgħukom ukoll mar-Rev. Dr Charlo Camilleri sabiex nitkixxfu aktar dwar Anastasju Cuschieri. L-aħħar mistieden huwa r-Rev. Dr Paul Sciberras, li se jkellimna dwar Dun Karm Sant f'għeluq il-100 sena minn twelidu.

    Se nwasslulkom rokna oħra dwar il-kitba kreattiva, din id-darba dwar l-elementi ewlenin fi storja. Kemm hawn minnkom li jħobbu jiktbu l-istejjer, għalihom infushom, għall-ħbieb, jew għall-pubbliku? Se niltaqgħu mar-riċerkatriċi żagħżugħa Yasmin Camilleri, li se taqsam magħna xi tagħrif dwar id-djalett Imġarri. Il-Prof. Joseph Brincat huwa wieħed mill-mistiedna l-ġodda għal din is-sena; fir-rokna dwar l-istorja, huwa se jaqsam magħna xi ħsibijiet dwar l-influwenza tat-Taljan fuq ilsienna! Il-pubblikatur Joseph Mizzi se jkellimna fuq ktieb ġdid dwar il-ħobż Malti u dwar l-importanza tal-kitba fattwali bi lsienna għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. L-aħħar mistieden huwa Stephen Lughermo, li din id-darba se jkellimna dwar il-kotba għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

    Il-Prof. Joseph Brincat se jerġa' jingħaqad magħna, din id-darba sabiex ikellimna speċifikament dwar l-influwenza tal-Isqalli fuq il-Malti. Immanuel Mifsud se jkellimna dwar il-poetessa Mary Meylak – Ġganta tal-poeżija Maltija li qajla tiġi rikonoxxuta biżżejjed għall-kontribut kbir tagħha. Se nlaqqgħukom ma' Saviour Pirotta, awtur Malti li jikteb bl-Ingliż ġewwa l-Ingilterra u li l-kotba tiegħu ġew addattati għal ilsienna minn Karm Serracino. Se nerġgħu nlaqqgħukom ma' Mark Vella, din id-darba sabiex jgħaddilna xi tagħrif dwar Ġużè Muscat Azzopardi, magħruf ukoll bħala Missier il-Letteratura Maltija. Ivan Said isemmi testi reliġjużi li ġew tradotti għal ilsienna bħala eżempji mill-istorja tat-traduzzjoni għall-Malti.

    Teodor Reljić se jkellimna dwar l-addattament għall-iskrin tar-rumanz 'Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi.' Bernard Micallef se jkellimna dwar il-poeta Marjanu Vella, filwaqt li Noel Tanti se jaqralna xi poeżiji tal-istess poeta. George Farrugia se jkellimna dwar is-sessiżmu fil-lingwa Maltija u kif nistgħu nevitaw frażijiet ta' natura inġusta. F'rokna oħra se nlaqqgħukom ma' Gilbert Agius u Daniela Attard, l-awturi ta' ktieb dwar il-Mużew tal-Futbol. L-aħħar mistieden huwa Alex Vella Gregory, li se jkellimna dwar il-proġett 'Ilħna Mitlufa' ta' Filfla Records.

    Fir-rokna li jmiss dwar il-kitba kreattiva, se nagħtu ħarsa lejn ir-rima. Se nlaqqgħukom ma' Joseph Borg, li se jgħaddilna tagħrif dwar ir-rivista 'Il-Malti' tal-Akkademja tal-Malti. Fir-rokna dwar il-letteratura, ir-riċerkatur Mark Vella se jaqsam magħna xi tagħrif dwar Ġużè Orlando, kittieb soċjorealista.

    Joe Borg se jerġa' jingħaqad magħna sabiex ikellimna dwar il-proġett Ilħna mill-Imgħoddi, id-diġitalizzazzjoni ta' tejps b'rekordings antiki t'awturi Maltin. Se nlaqqgħukom ma' Miriam Degiorgio, l-awtriċi ta' ktieb għat-tfal: Rita l-Qarnita. Mistieden ieħor huwa Joe Camilleri, kittieb Għawdxi magħruf l-aktar għan-novelli. F'rokna oħra se nħarsu lejn is-sengħa tal-editjar, flimkien ma' Clare Azzopardi u Kit Azzopardi. Se nagħtu ħarsa lill-qwiel u l-idjomi marbuta mal-istaġun tas-sajf u x-xhur tiegħu.

    Loading...